Wednesday, May 18, 2011

Il-Ħsieb imniżżel!

Kont ilni sew ma nersaq 'l hemm. Riħ ivenven u nies għaddejjin b'xogħolhom. Forsi missni nikkunsidra li nibda immur ta' spiss. Nintilef inħares lejn in-nies. Kull persuna għandha storja, ta' min mistura, ta' min imxandra. Qatt m'għadu jkolli wisq cans. Suq mimli ħajja u nies multinazzjonal, ta' kull bżonn u ta' kull natura, li ma jħallilekx wisq nifs. Ma nidejjaq xejn nintilef qalb dawn in-nies. Tibda' ġimgħa, u malli teptep tnejn għajnejk, tkun tiġa bdiet ġimgħa oħra. Illum il-Ħadd, bħall donnu dan huwa l-bidu tal-Ħadd li għadda u mhux tmiem ta' dan il-Ħadd preżenti. Suppost qeda nħoll kelma, kelma fuq studju soċjali, imma minflok sibt ftit ċans biex nisma' ċ-ċekċika tat-tastiera, tniżell silta minn ħajja mistura sal-lum. Bħalissa huwa siegħa lura tal-Ħadd li għadda, u dak li għadda issa spiċċa...jew forsi xi ġrajja baqgħet imnaqqxa fil-qalb jew fil-ħsieb...waħda minn elf storja li tinħoloq ta' kull jum.

Il-ħsieb jimlini

F'nofs ta' lejl iltqajt mal-ħsieb.
Bħal donnu qed jieħu naqra interess fija
u mhux jħallini norqod fil-kwiet.
Ma nisimgħux ġej, ma narahx...
imma malli jasal jimlili moħħi.
Jimlini b'leħnek miksur
wara xi kedda li tieħu,
jimlini bil-ħarsa t'għajnejk
titlob il-ħniena.
Jimlini bir-riħa ta' baħar fl-arja,
bil-ħoss ta' pass jirfes fuq art niexfa.
Il-ħsieb qed iqajjimli suspett,
jimla' kull tarġa fil-garigori ta' moħħi,
u kull fejn indur insibu hemm
jistennenini.
Kultant jbeżżani,
kultant iferraħni,
imma żgur qatt ma jħallini.
Il-ħsieb jimlini.

Ix-Xwejħa

Bħal biċċa arti ta' skultur, 
il-wiċċ tax-xiħa mnaqqax 
b'linji ħorox li juru ż-żmien, 
tħares lejha par għajnejn żoroq, 
tbissima li twennes kull qalb! 
Min qatt jobsor kemm bkiet tul ħajjitha, 
kemm batiet biex illum hi dak li hi....
mara xiħa bilqeda fit-trejqa!

Min Jaf!

Ħarist lejh u lmaħt 
linji fondi taż-żmien 
li għadda minn fuqu, 
wiċċu biss jgħidlek storja. 
Min jaf...
kemm kellu jitħabat tul ħajtu 
biex dak il-wiċċ illum jġorr
dik l-storja li tul ħajtu ġarr u sorr.
Tbissima fuq wiċċu qalb t-tikmix, 
b'għajnejh espressivi, 
ileqqu bħal ktieb miftuħ
jistennik biex taqrah...
idejh ħarxa, mkemmxa u somor...
min jaf liema qalb kienu missu...
min jaf.

Mhux l-istess il-Bniedem!

Ix-xemx tinżel tistaħba f'oriżżont 
sa ma terġa titla' maż-żerniq 
b'raġġi sħan tiżreġ fuqna ... 
imma mhux l-istess il-bniedem 
li jinżel jistrieħ fid-dlam, 
għax la darba jinżel, 
qatt ma jerġa jirfes 
fuq din l-istess art!

Ċafċifa

Ġennitni ċ-ċafċifa ħelwa tal-baħar 
jleqq kaħlani…
għanjietha daħlet fija, 
kif tidħol il-mewġa 
u titfarrak mal-blat...
u jien intlift 
għal wara l-ħoss tagħha..
ċ a f ċ i f a!

Riħ

Fetħet it-twieqi beraħ 
u qed tistenna ż-żiffa 
tinbidel f'riħ, 
li jidħol bis-saħħa 
bla ma jistenna u jqies! 
Ħallih jonfoħ ir-riħ selvaġġ
 sa ma jissabbat mal-ġebla 
u jfarrak id-dieqa li jtajjar minn qalbha!

Nistenna!

Bilqegħda fuq l-għatba nħares,
mill-punent għal-lvant
nara x-xemx tixref fuq orriżont kaħlani,
sa ma terġa tistaħba f'orriżont skur mudlam.
Nistenna l-jiem jgerbu,
iż-żmien jgħaddi,
dan ix-xogħol jintemm
u miegħek nistrieħ fil-hena
u ngawdi bla kejl kull mument.